Mistoqsijiet Frekwenti

X’inhi l-COVID Alert Malta?

Il-COVID Alert Malta hija applikazzjoni (app) li tgħinna niġġieldu l-epidemija tal-COVID-19.

  • L-app għandha l-għan li tinnotifika lill-utenti f’riskju li jkunu esposti għall-virus kmieni kemm jista’ jkun – anke meta jkunu bla sintomi.
  • Dawn l-utenti jistgħu mbagħad jiġu ttestjati. Dan jimminimizza t-tixrid tal-virus, filwaqt li jħaffef ir-ritorn għall-ħajja normali għall-biċċa l-kbira tan-nies.
  • Billi jiġu mwissija kmieni, jekk dawn l-utenti jittestjaw pożittivi, jistgħu jirċievu wkoll kwalunkwe trattament meħtieġ fil-pront u jbaxxu r-riskju ta’ konsegwenzi serji.

Huwa verament meħtieġ li kulħadd juża l-app? X’jiġri jekk ma jagħmlux dan biżżejjed nies?

Il-COVID Alert Malta issir dejjem aktar effettiva hekk kif aktar nies jużaw l-app. Aktar ma jkun kbir l-użu tal-COVID Alert Malta, aktar ikun għoli n-numru ta’ utenti potenzjalment infettati li l-app tista’ tinnotifika. Dawn l-utenti jistgħu mbagħad jiġu ttestjati, u jgħinu biex irażżnu l-epidemija u jħaffu r-ritorn għal ħajja normali.

Madankollu, anki jekk l-użu tal-COVID Alert Malta jispiċċa jkun limitat, l-app xorta tikkontribwixxi biex tnaqqas ir-ritmu tal-epidemija, speċjalment flimkien mal-miżuri l-oħra implimentati mill-gvern. Kwalunkwe tnaqqis itaffi l-pressjoni fuq is-servizzi tas-saħħa tal-Gvern u jgħin proporzjon ogħla ta’ pazjenti jirċievu kura xierqa, u potenzjalment isalva ħafna ħajjiet. Tnaqqis fir-ritmu jirbaħ ukoll ħin għall-komunità xjentifika, waqt li din tirsisti biex jinħoloq vaċċin.

Għaliex hija importanti l-COVID Alert Malta?

Kulħadd irid inaqqas it-tixrid tal-epidemija, jimminimizza r-riskju għall-maħbubin tagħna, u jirritorna għal ħajja normali.

Il-COVID Alert Malta għandha rwol importanti fil-kisba ta’ dawn l-għanijiet. Bis-saħħa tas-sistema ta’ notifika tal-esponiment tagħha, l-app tagħmilha possibbli li dawk li setgħu ġew esposti għal utent potenzjalment infettiv jirċievu notifika, u jiġu suġġeriti azzjonijiet, bħal li jittieħed swab test. Dawn il-miżuri huma kritiċi biex jitnaqqsu n-numru ta’ infezzjonijiet u jkun żgurat li dawk affettwati jirċievu attenzjoni medika xierqa fil-pront, li min-naħa tagħha tnaqqas ir-riskju ta’ kumplikazzjonijiet.

Kif taħdem is-sistema ta’ notifika ta’ espożizzjoni tal-COVID Alert Malta

Is-sistema ta’ notifika tal-espożizzjoni tal-COVID Alert Malta għandha l-għan li twissi lill-utenti meta jkunu ġew esposti għal utent potenzjalment infettiv.

Is-sistema hija bbażata fuq it-teknoloġija Bluetooth Low Energy u ma tuża l-ebda tip ta’ ġeolokazzjoni, tkun xi tkun, inkluża data tal-GPS. L-app ma tiġbor l-ebda data li tidentifika lill-utent, bħal isimhom, id-data tat-twelid, l-indirizz, in-numru tat-telefon, jew l-indirizz elettroniku. Għalhekk, il-COVID Alert Malta tista’ tiddetermina li sar kuntatt bejn żewġ utenti mingħajr ma tkun taf min huma dawk l-utenti jew fejn seħħ il-kuntatt.

Hawnhekk hawn spjegazzjoni simplifikata ta’ kif taħdem is-sistema. Ejja nikkunsidraw l-eżempju ta’ żewġ utenti ipotetiċi, Mario u Roberta:

Roberta tinstalla l-app tal-COVID Alert Malta. L-ismartphone tagħha jibda jibgħat sinjal Bluetooth Low Energy li fih kodiċi każwali (random). Hija tagħmel dan fuq bażi kontinwa. L-istess jgħodd għal Mario. Meta Roberta u Mario ikunu qrib ħafna, l-ismartphones tagħhom jaħżnu b’mod reċiproku l-kodiċi każwali ta’ xulxin, filwaqt li jieħdu nota ta’ dak l-avveniment. Il-mobiles tagħhom jinnutaw ukoll kemm dam l-avveniment u d-distanza approssimattiva bejn iż-żewġ apparati.

Il-kodiċi huma ġġenerati b’mod każwali, u ma fihom l-ebda informazzjoni dwar l-utent jew it-tagħmir tagħhom. Dawn jinbidlu wkoll diversi drabi kull siegħa, u jipproteġu l-privatezza tal-utent saħansitra aktar.

Ejja nassumu li Mario aktar tard jittestja pożittiv għal SARS-CoV-2. Mario se jiġi pprovdut b’kodiċi li jista’ volontarjament jiddaħħal fl-ismartphone tiegħu. Meta Mario jagħmel dan, l-app se tittrasferixxi xi ċwievet kriptografiċi (kodiċi sigrieti) lil server. Minn dawn iċ-ċwievet, huwa possibbli li jiġu derivati l-kodiċijiet każwali ta’ Mario li kienu mxandra matul iż-żmien li kien potenzjalment infettiv.

Għal kull utent li għandu l-app tal-COVID Alert Malta installata, l-app tniżżel regolarment iċ-ċwievet kriptografiċi l-ġodda kollha mibgħuta lis-server minn dawk l-utenti li ttestjaw pożittivi għall-virus u daħlu l-kodiċi tagħhom fl-app. L-app tuża dawn iċ-ċwievet biex tikseb il-kodiċijiet każwali u tiċċekkja jekk xi wieħed jikkorrispondiex ma’ dawk maħżuna fil-memorja tat-tagħmir fl-14-il jum ta’ qabel. Bħala tali, l-app ta’ Roberta se ssib il-kodiċi każwali ta’ Mario (mingħajr ma tkun taf li huma ta’ Mario) u se tinnotifika lil Roberta li kienet potenzjalment esposta għall-virus.

L-app issegwi fejn ninsab?

Le. Is-sistema ta’ notifika tal-espożizzjoni tal-COVID Alert Malta hija bbażata fuq Bluetooth Low Energy u ma tiġbor l-ebda data dwar il-ġeolokazzjoni, inkluża d-data tal-GPS. Il-COVID Alert Malta ma tafx, u ma tistax tkun taf, fejn tkun tinsab.

Kif tiġi protetta l-privatezza tiegħi?

Matul id-disinn u l-iżvilupp tal-COVID Alert Malta, poġġejna enfasi enormi fuq il-protezzjoni tal-privatezza.

Hawn lista ta’ xi wħud mill-miżuri li tuża l-COVID Alert Malta biex tipproteġi d-data tiegħek:

• L-app ma tiġbor l-ebda data li tista’ twassal biex tkun magħrufa l-identità tiegħek. Pereżempju, ma titlobx (u ma tistax tikseb) ismek, id-data tat-twelid, l-indirizz, in-numru tat-telefon, jew l-indirizz elettroniku.

• L-app ma tiġbor l-ebda data ta’ ġeolokazzjoni, inkluża d-data tal-GPS. Il-movimenti tiegħek mhumiex traċċati fi kwalunkwe forma.

• Il-kodiċi Bluetooth Low Energy imxandar mill-app jiġi ġġenerat kompletament b’mod każwali u ma fih l-ebda informazzjoni dwarek jew it-tagħmir tiegħek. Dan il-kodiċi jinbidel diversi drabi kull siegħa, u jipproteġi l-privatezza tiegħek saħansitra aktar.

• Id-data kollha tal-COVID Alert Malta li hi maħżuna fuq l-ismartphone tiegħek huma kriptati (encrypted).

• Il-konnessjonijiet kollha bejn l-app u s-server huma kriptati.

• Id-data kollha, kemm jekk maħżuna fuq it-tagħmir jew fuq is-server, titħassar meta ma jkunux għadhom rilevanti, u ċertament mhux aktar tard minn 21 jum wara t-trasferiment bejn l-app u s-server.

• Il-Ministeru għas-Saħħa huwa l-organizzazzjoni li tirċievi d-data tiegħek meta volontarjament iddaħħal kodiċi fl-app jekk jinstab li inti pożittiv. Id-data tintuża biss bil-għan li titrażżan l-epidemija tal-COVID-19.

• Id-data tinħażen fuq servers siguri konformi mal-GDPR li jinsabu fl-Unjoni Ewropea u ġestiti mill-awtoritajiet nazzjonali.

Il-kodiċi miftuħ?

Iva, il-kodiċi huwa sors miftuħ u huwa disponibbli fuq GitHub. Din hija l-liċenzja: Liċenzja Pubblika ta’ Mozilla 2.0. Tgħallem dwar din il-liċenzja hawn.

X’għandi nagħmel biex niżgura li qed nuża l-app b’mod korrett?

Jekk l-app ma tintużax b’mod korrett, il-COVID Alert Malta tkun ħafna inqas effettiva u jiżdied ir-riskju għalik, għall-maħbubin tiegħek, u għall-komunità.

Biex tiżgura li qed tuża l-app kif maħsub, sempliċement iftaħha u ċċekkja li Traċċar attiv jidher miktub fit-taqsima Home. Jekk le, agħfas fuq it-taqsima Traċċar u agħfas fuq il-buttuna biex tattiva mill-ġdid ir-rintraċċar.

Xi suġġerimenti importanti oħra biex jiġi żgurat li l-COVID Alert Malta tkun effettiva:

• Meta titlaq minn darek, dejjem ġorr miegħek l-ismartphone tiegħek, bil-COVID Alert Malta installat.

• Tiddiżattivax il-Bluetooth.

• Tiddiżinstallax l-app.

• Meta l-app tibgħatlek notifika, huwa vitali li taqraha, tiftaħ l-app, u ssegwi l-istruzzjonijiet kollha pprovduti. Pereżempju, jekk l-app titolbok taġġornaha, jekk jogħġbok agħmel dan. Jekk l-app tirrakkomanda li ċċempel Helpline 111 u titlob test, huwa importanti li tagħmel dan minnufih.

Minn fejn nista’ nniżżel il-COVID Alert Malta? Liema tagħmir u sistemi operattivi huma appoġġjati?

Jiddependi mit-tip ta’ smartphone li tuża. Mhux it-tagħmir kollu huwa appoġġjat. Agħżel il-verżjoni kompatibbli mal-ismartphone tiegħek.

→ iPhone

Tista’ tniżżel il-COVID Alert Malta mill-App Store u tużaha b’mod korrett jekk l-iPhone tiegħek jappoġġja l-verżjoni 13.5 jew aktar tal-iOS.

Il-mudelli iPhone li ġejjin jappoġġjaw iOS 13.5: 11, 11 Pro, 11 Pro Max, Xr, Xs, Xs Max, X, SE (it-tieni ġenerazzjoni), 8, 8 Plus, 7, 7, 7 Plus, 6s, 6s Plus, SE (l-ewwel ġenerazzjoni). Sfortunatament, ma tkunx tista’ tuża l-COVID Alert Malta jekk il-mudell iPhone tiegħek ma jappoġġjax it-tħaddim tal-verżjoni iOS 13.5 jew aktar.

→ Android

Tista’ tniżżel il-COVID Alert Malta minn Google Play Store u tużah b’mod korrett jekk l-ismartphone Android tiegħek jissodisfa t-tliet rekwiżiti li ġejjin:

• Bluetooth Low Energy

• Verżjoni Android 6 (Marshmallow, API 23) jew ogħla

• Google Play Services verżjoni 20.18.13 jew aktar

Sfortunatament, ma tkunx tista’ tuża l-COVID Alert Malta jekk il-mudell tiegħek ta’ smartphone Android ma fihx Bluetooth Low Energy jew ma jappoġġjax il-verżjonijiet minimi tas-servizzi Android u Google Play indikati hawn fuq.

Ir-rakkomandazzjonijiet li l-app tipprovdi huma affidabbli?

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-app jiddependu mit-tul ta’ żmien tal-esponiment tiegħek għal utenti potenzjalment kontaġġjużi u fuq id-distanza bejn l-ismartphones tagħkom matul tali esponiment.

Din l-informazzjoni hija limitata u qatt ma tista’ tkun perfetta, peress li s-sinjali Bluetooth Low Energy huma affettwati minn diversi fatturi li jistgħu ifixxklu. Bħala tali, it-tagħrif li jinġabar mill-app mhux dejjem ikun bla difetti. Jekk l-app tirrakkomanda li titlob test, dan ma jfissirx li definittivament għandek SARS-CoV-2. Dan ifisser biss li, abbażi tal-informazzjoni li l-app għandha disponibbli, it-teħid ta’ test hija l-aktar ħaġa sikura li għandek tagħmel għalik innifsek u għal dawk ta’ madwarek.

Għalhekk, huwa kruċjali li ssegwi l-istruzzjonijiet kollha pprovduti mill-app – għall-ġid tiegħek stess, kif ukoll dak tal-maħbubin tiegħek u l-pubbliku in ġenerali. Jekk jogħġbok toqgħodx lura milli tikkuntattja l-Helpline 111 jekk l-app tinnotifikak li jista’ jkun hemm infezzjoni.

Għaliex l-ismartphone tiegħi mhuwiex kompatibbli mal-COVID Alert Malta? X’nista’ nagħmel dwar dan?

Grazzi mill-qalb talli tixtieq tuża l-COVID Alert Malta. Madankollu, mingħajr smartphone kompatibbli, sfortunatament, mhuwiex possibbli li tniżżel u tuża l-app.

Il-COVID Alert Malta tuża t-teknoloġija tan-notifika tal-espożizzjoni magħmula disponibbli minn Apple u Google. Din it-teknoloġija tiddetermina r-rekwiżiti tas-sistema għat-tniżżil u l-użu tal-COVID Alert Malta, u mhijiex kompatibbli ma’ verżjonijiet preċedenti tal-iOS u l-Android.

Għażilna li niżviluppaw sistema li taħdem b’mod effettiv fuq il-maġġoranza tal-ismartphones, aktar milli waħda li taħdem fuq iżjed smartphones imma li tkun ħafna inqas affidabbli.

Nafu li hemm nies li huma ħerqana li jniżżlu u jużaw l-app, iżda li t-tagħmir tagħhom mhuwiex appoġġjat. Sfortunatament, bħalissa ma nistgħux negħlbu dawn il-limitazzjonijiet.

Aħna konxji ta’ kemm huwa importanti li l-ogħla numru possibbli ta’ nies jistgħu jużaw il-COVID Alert Malta. Jekk ikun hemm xi aħbarijiet dwar dan is-suġġett, kunu żguri li aħna ser naqsmuhom minnufih.

Nista’ naċċessa l-profil tiegħi minn ħafna tagħmir?

Le. Bil-COVID Alert Malta, ma tistax toħloq profil kif int indorri tagħmel f’ħafna apps oħra. Għalhekk, jekk tinstalla l-app fuq tagħmir ġdid, m’hemm l-ebda mod biex il-COVID Alert Malta tifhem li int l-istess utent.

L-app se taħli l-batterija tal-ismartphone tiegħi jew iġġiegħlha tisħon iżżejjed?

M’għandekx tinnota differenza sinifikanti f’termini ta’ ħajja tal-batterija, u lanqas m’għandu jisħon iżżejjed l-ismartphone tiegħek. Il-COVID Alert Malta tuża Bluetooth Low Energy, teknoloġija mfassla biex tkun partikolarment effiċjenti fl-enerġija. Hija l-istess teknoloġija użata minn smartwatches u earphones bla fili biex jibqgħu konnessi kontinwament ma’ smartphones.

Madankollu, anke jekk taħseb li l-batterija tal-ismartphone tiegħek qed tinħela aktar malajr mis-soltu jew li qed tisħon xi ftit iżżejjed, jekk jogħġbok kompli uża l-app kif suppost. Il-kontribut tiegħek huwa parti importanti li tagħmel il-COVID Alert Malta effettiva biex tgħinna niġġieldu l-epidemija u nerġgħu lura għan-normal malajr kemm jista’ jkun.

Il-COVID Alert Malta taffettwa jew tiddiżattiva tagħmir ieħor Bluetooth li nuża?

Apparat li jippermetti Bluetooth, bħal speakers bla fili, headphones bla fili, smartphones, u sistemi hands-free tal-karozzi, ma jinterferixxux mal-app.

Il-minorenni jistgħu jużaw l-app?

Irid ikollok mill-inqas 13-il sena biex tuża l-COVID Alert Malta.

Kif nista’ nikkontribwixxi għall-proġett ta’ Sors Miftuħ (Open Source)?

Jekk trid tikkontribwixxi, mur fuq GitHub biex tibda.

Tista’ wkoll taqra d-dokumentazzjoni, titgħallem dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta tagħna u ssir taf kif tikkontribwixxi fuq il-Paġna Komunitarja.

Il-COVID Alert Malta hija mmexxija mill-Gvern?

Iva. COVID Alert Malta hija l-app ta’ traċċar tal-prossimità tal-Gvern ta’ Malta,żviluppata mill-Malta Information Technology Agency, f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għas-Saħħa u l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali.

Għandi bżonn inħallas biex nuża l-COVID Alert Malta?

Le. Il-COVID Alert Malta hija kompletament bla ħlas.

Nista’ nagħżel li ma nużax l-app?

Il-COVID Alert Malta hija għodda siewja fil-ġlieda kontra l-epidemija tal-COVID-19, u kull utent iżid l-effettività ġenerali tagħha. Aħna nħeġġuk bil-qawwa biex tinstalla l-COVID Alert Malta, tużaha b’mod korrett, u tħeġġeġ lill-ħbieb u l-maħbubin tiegħek biex jagħmlu l-istess. Madankollu, m’intix imġiegħel tużah.

Hija kompletament l-għażla tiegħek.

Nista’ nuża l-app mingħajr konnessjoni mal-internet?

Il-COVID Alert Malta m’għandhiex bżonn konnessjoni kontinwa tal-internet. Madankollu, l-app teħtieġ li tikkonnettja mal-internet mill-inqas darba kuljum. Dan huwa sabiex l-app tkun tista’ tniżżel l-informazzjoni meħtieġa biex tivverifika jekk kontx espost għal utenti potenzjalment kontaġġjużi. Għalhekk, jekk jogħġbok kun żgur li l-ismartphone tiegħek huwa kkonnettjat mal-internet mill-inqas darba kuljum.

Nista’ nibdel il-lingwa tal-app?

Il-lingwi disponibbli bħalissa huma l-Ingliż u l-Malti.

Kif taħdem l-upload tad-data tiegħi? Nista’ niddeċiedi li ntella’ d-data tiegħi kull meta nixtieq?

Il-faċilità li ssir upload ta’ data hija meħtieġa biss minn utenti li jkunu ttestjaw pożittivi għall-virus. F’każijiet bħal dawn, l-utent jista’ jiddeċiedi li jdaħħal il-kodiċi li jtella’ ċ-ċwievet kriptografiċi assoċjati mal-apparat tagħhom lis-server tal-COVID Alert Malta, biex il-COVID Alert Malta tkun tista’ tinnotifika lill-utenti f’riskju ta’ infezzjoni. Sabiex jiġi żgurat li l-utenti biss li fil-fatt ikunu ttestjaw pożittivi għall-virus jistgħu jtellgħu ċ-ċwievet kriptografiċi tagħhom, il-kodiċi jiġi pprovdut lill-utent minn membru tat-tim tas-Saħħa Pubblika.

Il-COVID Alert Malta tgħidli li nista’ nkun f’riskju, iżda nħossni tajjeb. X’għandi nagħmel?

Inħeġġuk issegwi l-pariri kollha tal-COVID Alert Malta. Hemm ħafna nies bla sintomi li mingħajr ma jafu xerrdu l-marda. Waħda mill-akbar benefiċċji tal-COVID Alert Malta hija li tinnotifika lil dawn in-nies. Jekk jogħġbok, agħmel il-parti tiegħek billi ssegwi r-rakkomandazzjonijiet kollha, anke jekk tiddubita li int infettat jew kontaġġjuż.

Kont x’imkien jew ma’ xi ħadd u nixtieq li dan jibqa’ privat. Il-COVID Alert Malta tista’ tikkompromettini?

Le. Is-sistema hija bbażata fuq teknoloġija Bluetooth Low Energy, li ma tuża l-ebda data ta’ ġeolokazzjoni, inkluża d-data tal-GPS. Il-kodiċi mxandra mill-ismartphones huma ġġenerati b’mod każwali u jinbidlu diversi drabi kull siegħa. Għalhekk, l-app ma tistax tgħid fejn sar xi kuntatt ma’ utent potenzjalment kontaġġjuż, u lanqas l-identitajiet ta’ dawk involuti. B’hekk, il-privatezza tiegħek hija protetta.

Għandi bżonn niffirma bl-indirizz elettroniku u l-password tiegħi?

Le. L-app ma tiġbor l-ebda data li tagħmilha possibbli li tkun magħrufa l-identità tiegħek. Pereżempju, ma titlobx (u ma tistax tikseb) ismek, id-data tat-twelid, l-indirizz, in-numru tat-telefon, jew l-indirizz elettroniku.

Il-COVID Alert Malta jeħtieġ li tkun quddiem apps oħra biex taħdem? Nista’ nuża apps oħra?

Il-COVID Alert Malta topera fl-isfond, sakemm l-ismartphone tiegħek jinxtegħel u l-Bluetooth huwa attiv. Tista’ tuża apps oħra bħas-soltu.

Għandi bżonn inżomm il-Bluetooth tal-ismartphone tiegħi mixgħul il-ħin kollu?

Iva. Is-sistema ta’ notifika ta’ espożizzjoni hija bbażata fuq Bluetooth Low Energy, għalhekk il-Bluetooth irid dejjem ikun attiv biex is-sistema tinduna bil-kuntatt tiegħek ma’ utenti oħra.

Spiss inżomm il-mobile tiegħi fuq il-flight mode. Dan ok?

Iva, sakemm xorta żżomm il-Bluetooth attiv. B’dan il-mod, il-COVID Alert Malta tkompli taħdem kif suppost. Għandek tikkonnettja mal-internet mill-inqas darba kuljum.

Kemm tikkonsma traffiku tad-data il-COVID Alert Malta?

Ftit li xejn. Kuljum, l-app tniżżel kwalunkwe ċwievet kriptografiċi ġodda tat-tagħmir tal-utenti pożittivi għas-SARS-CoV-2.

L-app talbitni biex naġġornaha: x’jiġri jekk ma nagħmilx dan?

L-aġġornamenti għandhom l-għan li jtejbu l-effettività tas-sistema, inkluż it-tiswija ta’ problemi potenzjalment kritiċi. Għalhekk, huwa importanti li taġġorna l-app tal-COVID Alert Malta kull meta ssir disponibbli verżjoni ġdida. Jekk l-aġġornament jitqies meħtieġ, l-app tibgħatlek notifika. Madankollu, id-deċiżjoni dwar jekk l-app għandhiex tiġi aġġornata jew le hija fl-aħħar mill-aħħar f’idejk.

X’jiġri jekk inħassar l-app jew nibdel il-mobile?

Jekk tħassar l-app, jitħassar ukoll id-data kollha maħżuna lokalment. L-utent ma jistax jibqa’ jiskambja d-data. Fil-każ li tbiddel il-mobile, l-app trid tiġi installata mill-ġdid u d-data kollha tal-passat relatata mal-COVID Alert Malta tintilef.

Il-COVID Alert Malta kif tkejjel id-distanza u t-tul ta’ żmien tal-kuntatt?

Il-COVID Alert Malta tuża l-valuri tal-kejl tal-Indikatur tas-Saħħa tas-Sinjal Riċevut (RSSI) tas-saħħa tas-sinjal bejn il-mobiles. Il-valuri kkalibrati RSSI jintużaw biex tiġi stmata d-distanza approssimattiva bejn l-utenti, filwaqt li t-tul ta’ tali konnessjoni jiġi rreġistrat mill-app innifisha.

Kif ninnotifika li ġejt espost għal utent potenzjalment kontaġġjuż? X’għandi nagħmel f’każ bħal dan?

Jekk l-app tiskopri li kont espost għal utent potenzjalment kontaġġjuż, tinnotifikak. F’każ bħal dan, fl-app issib rakkomandazzjonijiet dwar x’għandek tagħmel. Pereżempju, l-app tirrakkomanda li ċċempel lil Helpline 111 biex titlob test. M’hemm l-ebda obbligu li ssegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-app, iżda aħna nħeġġuk bil-qawwa biex tagħmel dan biex tipproteġi saħħtek, u dik tal-maħbubin tiegħek u l-komunità.

Liema kundizzjonijiet jeħtieġ li jseħħu biex l-app tinnotifikani dwar espożizzjoni riskjuża? Pereżempju, f’liema distanza u għal kemm żmien għandi bżonn li nkun espost għal utent li aktar tard jittestja pożittiv għall-virus?

Meta żewġ smartphones li fuqhom tiġi installata l-app ikunu ftit metri minn xulxin, jibdew jiskambjaw kodiċijiet każwali biex jirreġistraw dak il-kuntatt. Madankollu, biex inti tiġi nnotifikat dwar espożizzjoni riskjuża, mhuwiex biżżejjed li l-ismartphone tiegħek jirreġistra l-kuntatt ma’ utent li aktar tard ittestja pożittiv għall-virus. Jeħtieġ li jseħħu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

• L-utent li ttestja pożittiv għall-virus irid ikun tella’ ċ-ċwievet kriptografiċi tiegħu lis-server tal-COVID Alert Malta biex jippermetti n-notifika tal-utenti li għalihom ikunu ġew esposti;

• Kif stabbilit mill-Ministeru għas-Saħħa, l-espożizzjoni trid tkun damet għal aktar minn 15-il minuta f’distanza ta’ inqas minn 2 metri.

Smartphones ma jistgħux ikejlu d-distanza li fiha sseħħ il-kuntatt direttament. Għalhekk, il-COVID Alert Malta tagħmel użu mill-attenwazzjoni tas-sinjal Bluetooth Low Energy biex tistmaha. Saru testijiet ta’ kalibrazzjoni biex tiġi rfinuta din l-istima kemm jista’ jkun. Madankollu, l-istima ma tistax tkun preċiża minħabba għadd ta’ fatturi ta’ tfixkil. Għalhekk, l-app ma tistax tiggarantixxi b’ċertezza assoluta li d-distanza kienet fil-fatt inqas minn 2 metri. Dak li huwa ċert huwa li, jekk tirċievi notifika għal espożizzjoni riskjuża, kont fil-viċinanza ta’ utent potenzjalment kontaġġjuż għal perjodu twil ta’ żmien.

Għadni kif aġġornajt l-iOS fuq l-iPhone tiegħi għal verżjoni li fit-teorija għandha tippermetti l-użu tal-COVID Alert Malta. Madankollu, meta niftaħ l-app, hija tgħidli li hija meħtieġa verżjoni aktar reċenti tal-iOS. X’għandi nagħmel?

Probabbilment ma lestejtx il-proċess ta’ aġġornament tal-iOS. Biex taġġorna l-iOS, trid tlesti żewġ passi:

1. Niżżel l-aħħar verżjoni;

2. Installaha

Biex tniżżel l-aħħar verżjoni tal-iOS, trid tkun imqabbad mal-Wi-Fi. Inkella, il-buttuna biex tibda t-tniżżil tiġi diżattivata. Mur fil-Settings> Ġenerali> Aġġornament tas-Software. Jekk niżżilt l-aħħar verżjoni tal-iOS, iżda għadek ma installajthiex, agħfas fuq ‘Installa Issa’. Biex tivverifika li l-installazzjoni tlestiet b’mod korrett, mur Settings> Ġenerali> Dwar. Verżjoni tas-Software għandha turi l-verżjoni 13.5 jew aktar.

Is-sistema operattiva titlobni ndaħħal id-dettalji tal-karta tal-kreditu tiegħi qabel ma nista’ nniżżel il-COVID Alert Malta. Għaliex?

Jekk is-sistema operattiva titolbok iddaħħal id-dettalji tal-karta tal-kreditu tiegħek biex tniżżel l-app, probabbilment ma lestejtx il-konfigurazzjoni tal-account tiegħek tal-Apple tiegħek (fuq smartphones iOS) jew tal-Google (fuq smartphones Android). Fuq l-iOS, tista’ tagħżel ‘Xejn’ mill-metodi ta’ pagament issuġġeriti. Fuq Android, tista’ tagħżel ‘Aqbeż’ meta tintalab tispeċifika metodu ta’ ħlas. Il-COVID Alert Malta hija kompletament b’xejn u tista’ tniżżilha mingħajr ma tispeċifika metodu ta’ ħlas.

Għalfejn għandhu jkun mixgħul l-preferenzi tal-lokalità tat-tagħmir ta’ l-Android biex taħdem is-sistema ta’ Notifika ta’ Espożizzjoni?

Mill-2015 fis-sistema ta’ l-Android kien meħtieġ li l-preferenzi tal-lokalità tat-tagħmir ta’ l-Android ikun jista’ jiskennja għal tagħmir ieħor tal-bluetooth.

Is-Sistema ta’ Notifika ta’ Espożizzjoni tuża l-Bluetooth biex tiskopri tagħmir ieħor li għażel notifiki ta’ Espożizzjoni, għalkemm ma tużax jew taqsam xi informazzjoni dwar il-post. L-COVID Alert Malta tuża is-sistema tan-Notifika ta’ Espożizzjoni ma tistax titlob permess għall-aċċess għal data tal-GPS, iżda s-sistema għad trid teħtieġ li d-data tal-GPS tat-tagħmir ikun mixgħul sabiex is-Sistema ta’ Notifika ta’ Espożizzjoni tkun tista’ ssib tagħmir fil-qrib li jkollu wkoll is-sistema ta’ Notifika ta’ Espożizzjoni attivata.

Is-sistema’ tal-Android tkompli tipprojbixxi l-aċċess għal kwalunkwe app li m’għandhomx il-permess mill-utent biex juża lGPS tat-tagħmir Android, anke meta l-GPS tat-tagħmir ikun attivat.

Biex tagħmilha aktar ċara li Google ma tiġborx id-data tal-post meta tixgħel in-Notifiki ta ‘Espożizzjoni, Android qed issegwi aġġornament biex tiddiskkoppja l-iskannjar bluetooth għan-Notifiki ta’ Espożizzjoni mill-issettjar tal-post tat-tagħmir ta ‘Android 11.

X’inhu l-iSkambju ta’ Data Transkonfinali?

L-iSkambju ta’ Data Transkonfinali hija terminu li jiddeskrivi l-iskambju ta’ ċwievet ta’ notifika ta’ espożizzjoni bejn l-apps ta’ traċċar u twissija fl-Unjoni Ewropea (UE) u iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). L-iSkambju ta’ Data Transkonfinali tiżgura li tirċievi notifika ta’ espożizzjoni potenzjali għall-COVID-19, anka f’każ li tiġi f’kuntatt mill-qrib ma’ dawk li jużaw applikazzjonijiet oħra awtorizzati tal-COVID-19 bħal meta tkun qed tivjaġġa barra minn pajjiżna u anka meta tkun Malta. Għalhekk, dawk li jagħmlu użu mill-COVID Alert Malta App jistgħu jkunu notifikati b’xi kuntatt mill-qrib ma persuna infettata irrispettivament minn liema app ta’ traċċar u twissija tal-Membri Stati qiegħda tintuża.

Għaliex ġie stabbilit l-iSkambju ta’ data transkonfinali?

Fi sforz biex titnaqqas il-firxa ta’ COVID-19 fil-komunitajiet, numru ta’ Stati Membri tal-UE u l-pajjiżi tal-EFTA implimentaw applikazzjonijiet ta’ traċċar ta’ prossimità. Il-Kummissjoni Ewropea waqqfet infrastruttura diġitali, is-Servizz tal-Gateway tal-Federazzjoni Ewropea (SGFE), li huwa server komuni li jagħmilha possibbli li tiġi skambjata data bejn il-back ends tal-applikazzjonijiet ta’ diversi pajjiżi li qed jipparteċipaw.

Min imexxi is-Servizz Ewropew tal-Federation Gateway?

L-EFGS hija mmaniġġjata mill-Kummissjoni Ewropea (proċessur). Il-COVID Malta App tippaterċipa f’din il-pjattaforma tal-integrazzjoni tal-applikazzjoni tal-Unjoni Ewropea b’tali mod li il-Kjavi ta’ Esponiment Temporanju (TEKs) posittivi għall-COVID ikunu jistgħu jiġu skambjati ma’ pajjiżi parteċipanti oħra fl-Unjoni Ewropea u viċi versa.

Is-Supritendent tas-Saħħa Pubblika u l-awtoritajiet maħtura ta’ pajjiżi parteċipanti oħra huma Kontrolluri Konġunti għall-EFGS.

X’inhuma l-għażliet tiegħi fir-rigward tat-tqassim tan-notifika ta’ espożizzjoni ma’ pajjiżi oħra?

Għandek tliet għażliet, tista’ taqsam ma’:

  • Pajjiżi fl-Unjoni Ewropea u fiż-Żona Ekonomika Ewropea
  • Pajjiżi speċifici biss
  • Malta biss, jiġifieri, tagħżel li ma tieħux sehem fl-iskambju ta’ data transkonfinali.

Is-servizz tas-Skambju ta’ Data Transkonfinali huwa obbligatorju?

Le, dan mhux obbligatorju. Inti tista’ tagħżel li ma tieħux sehem billi tagħżel l-għażla ‘Tagħmilx Skambju ta’ Data Transkonfinali’ fil-preferenzi tas-Skambju ta’ Data Transkonfinali.

Barra minn hekk, għandek ukoll l-opportunità li tirrevedi u timmodifika l-għażliet Skambju ta’ Data Transkonfinali fi kwalunkwe ħin inkluż fil-każ ta’ infezzjoni qabel ma l-utent idaħħal il-kodiċi ta’ awtorizzazzjoni provdut mill-awtoritajiet tas-saħħa ta’ Malta.

Liema pajjiżi huma parti mis-Skambju ta’ Data Transkonfinali?

Ħarsa ġenerali u aġġornata tal-pajjiżi parteċipanti u liema applikazzjonijiet tal-contact tracing ġew awtorizzati jistgħu jinstabu hawn: https://ec.europa.eu/info/live-work-travel-eu/coronavirus-response/travel-during-coronavirus-pandemic/how-tracing-and-warning-apps-can-help-during-pandemic_en.